L-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma pparteċipat f’konferenza organizzata mill-Malta Business Bureau, li matulha tnieda l-kunċett ta’ Business Energy Cluster f’pajjiżna. Din il-konferenza saret fil-Malta LIFE Sciences Park f’San Ġwann u fost l-oħrajn indirizzat l-isfidi u d-diffikultajiet li wieħed isib sabiex tiġi iffinanzjata l-effiċjenza fl-enerġija.
Fid-diskors tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma Manuel Sapiano tkellem dwar il-benefiċċji tal-effiċjenza fl-enerġija u sostna li dan m’għandux jitqies bħala xi ħaġa li tiġi imposta fuq il-pajjiż mill-Unjoni Ewropea, iżda bħala potenzjal ta’ ħolqien ta’ swieq ġodda. Tenna li l-effiċjenza fl-enerġija fil-fatt tfisser li jkollna settur tal-industrija iktar aħdar b’inqas spiża tal-operat.
Il-Kap tal-politika tal-Enerġija, l-Inġ Charles Buttigieg ta ħarsa lejn is-settur tal-effiċjenza fl-enerġija waqt li semma l-għadd ta’ skemi u programmi li tħaddem l-Aġenzija f’dan il-qasam. Fost l-oħrajn tkellem dwar il-kampanja ta’ promozzjoni għal Energy Audits fost l-intrapriżi żgħar u medji kif ukoll l-Energy Efficiency Partner Initiative (EEPI). Permezz ta’ din tal- aħħar, kumpaniji, volontarjament jiffirmaw qbil mal-Aġenzija sabiex jipparteċipaw f’numru ta’ inizjattivi għal żieda fl-effiċjenza fl-enerġija u jagħtu informazzjoni dwar il-konsum u l-iffrankar tagħhom lill-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma.